Kodiċi ta’ kondotta tal-eTwinning
A.Prinċipji ewlenin
Kull eTwinner u l-avvenimenti, messaġġi, karigi, materjali tal-proġetti tagħhom u dak kollu ppubblikat fuq l-eTwinning għandu jaderixxi u jkun konformi mal-prinċipji ewlenin li ġejjin, f'konformità mal-Valuri Fundamentali u l-prinċipji ġenerali tal-Unjoni Ewropea..
- Kun inklussiv. L-opinjonijiet u l-fehmiet ta’ kulħadd huma dejjem milqugħa u permessi fil-konfini stabbiliti f’dan il-Kodiċi ta’ Kondotta. L-eTwinners huma mħeġġa jħarsu lil hinn mill-perspettiva tagħhom, jirrelataw ma’ kulturi differenti u juru sensittività meta jinkludu eTwinners oħra fl-avvenimenti, proġetti, gruppi u attivitajiet ta’ netwerking tagħhom – kemm online kif ukoll fuq il-post. L-eTwinning irawwem il-fehim, l-empatija u t-trasparenza bil-għan li l-komunità ssir spazju sigur, mingħajr fastidju.
- Kun rispettuż. Il-membri tal-komunità tal-eTwinning għandhom ikunu rispettużi meta jittrattaw ma’ sħabhom u jinteraġixxu bejniethom. Ir-rispett għal nies oħra, u l-attivitajiet tagħhom fuq din il-pjattaforma, jekk nassumu li l-azzjonijiet tagħhom huma motivati minn intenzjonijiet tajbin, jgħinu lill-eTwinners mhux biss iħossuhom komdi u sikuri, iżda wkoll motivati u produttivi. L-eTwinners ma jistgħux jinsultaw jew iċekknu lill-oħrajn, jew jinċitaw vjolenza fuq nies abbażi tar-razza, l-etniċità, l-oriġini nazzjonali, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, jew il-ġeneru tagħhom, u/jew bħala membru ta’ pajjiż, grupp jew minoranza.
- Kun tolleranti. . In-nuqqas ta’ qbil huwa inevitabbli, minn żmien għal żmien. It-tolleranza għall-fehmiet ta’ ħaddieħor tmexxi l-approċċ pragmatiku mħeġġeġ f’din il-komunità. Dak li hu importanti huwa li tfittex soluzzjonijiet kostruttivi għal nuqqas ta’ qbil u fehmiet differenti, dejjem fil-limiti kif deskritt u definit f’dan il-Kodiċi ta’ Kondotta, u taċċetta li xi każijiet jistgħu jirriżultaw li “taqblu li ma taqblux”.
- Kun edukat u dħuli fil-forom kollha ta’ komunikazzjoni – speċjalment komunikazzjoni remota, fejn l-opportunitajiet għal nuqqas ta’ ftehim huma akbar. Li tkun edukat ifisser li tkun konxju ta’ u tirrispetta s-sentimenti ta’ nies oħra u li dan turih. Bħala d-dar tal-eTwinners kollha, il-qasam tal-eTwinning tal-Pjattaforma ta’ Scool Education Gateway huwa l-ispazju online fejn jistgħu jesprimu liberament, jiskambjaw faċilment u jelaboraw b’mod konsiderevoli l-ideat u l-ħsibijiet tagħhom u jittrattaw bl-istess mod dawk ta’ eTwinners oħra. Dan ifisser li nagħmlu l-almu tagħna biex nagħżlu b’attenzjoni kliem u kontenut f’avvenimenti, materjali tal-proġetti, deskrizzjonijiet ta’ laqgħat online u f’posts u messaġġi.
B. Xi regoli li eTwinners kollha għandhom jaderixxu magħhom
Biex tiffaċilita l-għarfien ta’ dak li hu permess u dak li mhux permess fil-qasam tal-pjattaforma tal-eTwinning, l-eTwinning fassal xi regoli li għandhom jiġu rrispettati mill-eTwinners kollha.
1. Ebda użu tal-eTwinning għal skopijiet kummerċjali Huwa strettament ipprojbit li tuża l-pjattaforma għal finijiet kummerċjali. Kull kumpanija, inizjattiva, attività jew softwer li għandhom skop kummerċjali, kif ukoll l-aċċess tagħhom għall-pjattaforma nfisha jitneħħew.
2. Ebda theddid dirett, bullying jew fastidju L-eTwinning ma jittollerax il-bullying jew il-fastidju. Jekk int vittma ta’ cyberbullying jew jekk xi ħadd jheddek waqt li tuża xi wieħed mill-ispazji tal-eTwinning (dawk pubbliċi u privati), jekk jogħġbok irrapporta l-messaġġ jew ikkuntattja lill-Organizzazzjoni t’Appoġġ tiegħek. Kun af li kull minn jinsab jibbullja jew jagħti fastidju lil membri oħra tal-pjattaforma jista’ jkun ipprojbit b’mod permanenti mill-eTwinning.
3. Il-propjetà intellettwali Żgura li l-kontenut li ttella’ fuq il-pjattaforma ma jikser ebda dritt tal-awtur. Qabel taqsam xi ritratti, vidjos, dokumenti jew kwalunkwe riżorsi oħra, jekk jogħġbok, żgura li għandek id-dritt tagħmel dan.
4. Impersonazzjoni L-eTwinners ma jistgħux jimpersonaw nies jew gruppi/organizzazzjonijiet oħra li ma jirrappreżentawx b’mod intenzjonat jew jiżgwidaw, iħawdu jew iqarrqu lil oħrajn.
5. Studenti (minuri)L-eTwinning jieħu l-privatezza u s-sigurtà tal-istudenti bis-serjetà. Evita li tippostja ritratti tal-istudenti fuq il-profil tal-eTwinning, it-TwinSpace, il-Gruppi, eċċ. tiegħek. Fil-każ li tagħmel hekk, kun żgur li għandek il-kunsens mingħand il-minur intitolat li jagħti l-kunsens jew mid-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-istudent f’konformità mar Regolament 1725/2018 ,kif ukoll li pprovdejt kopja tad-dikjarazzjoni tal-privatezza (link), jew żgura li l-istudenti ma jintarfux.
6. Informazzjoni privata u Dejta sensittiva Aħseb dwar il-kontenut li tippostja li għandu x’jaqsam mal-oħrajn. M’għandekx taqsam l-informazzjoni privata tiegħek jew ta’ eTwinners oħra - bħal numri tat-telefon u indirizzi personali, dettalji tal-karta ta’ kreditu jew informazzjoni privata oħra - jew stampi u vidjos intimi. Dejjem aħseb qabel tippostja!
C. “Netiquette”
L-eTwinners għandhom iwettqu l-interazzjonijiet online tagħhom b’mod professjonali, dinjituż u b’rispett kif jagħmlu fl-interazzjonijiet tagħhom fil-ħajja reali. Hawn taħt hawn xi eżempji ta’ x’għandhom u m’għandhomx jagħmlu l-utenti.
1. Użu responsabbli u bir-reqqa tas-sistema ta’ messaġġi interni Oqgħod lura milli tibgħat wisq messaġġi lill-għalliema li mhux qed taħdem magħhom. Qabel tikkuntattja utent: iċċekkja l-profil tiegħu/tagħha; iċċekkja jekk hu/hi humiex disponibbli għal proġetti; żgura li l-messaġġ tiegħek huwa relevanti. Tibgħatx eżatt l-istess messaġġ lil aktar eTwinners.
2. Evita l-ispammjar fil-forums Il-forums fil-qasam tat-Networking tal-Pjattaforma ta’ European School Education jistgħu jiġġeneraw eluf ta’ messaġġi. Kun żgur li l-messaġġ tiegħek iqis is-suġġett tat-thread. Qabel tippubblika post ġdid, iċċekkja biex tara jekk hemmx messaġġi oħra rilevanti u weġibhom. Għinna nżommu l-forums rilevanti biex intejbu l-kollaborazzjoni!
3. Poġġi biss kummenti rilevanti u xierqa fuq il-posts tan-nies Meta tippostja kumment fuq il-profil ta’ xi ħadd ieħor, kun żgur/a li huwa relevanti għall-utent. Il-kummenti għandhom ikunu għall-individwi u relatati mal-post tal-utent. Tiktibx l-istess kumment li aktar utenti.
4. Evita talbiet ta’ kuntatt każwali u stediniet għal proġetti Evita li tistaqsi lill-eTwinners biex ikunu parti mill-kuntatti tiegħek jew biex jingħaqdu mal-proġett tiegħek mingħajr ebda komunikazzjoni minn qabel. Żgura li jkollok numru ta’ kuntatti raġonevoli u maniġġabbli fil-lista tiegħek. Tixtieq iżżomm kont tal-aġġornamenti ta’ xi ħadd? Segwih/segwiha minflok.
5. Stediniet għal Kmamar fil-mira Evita li tistieden il-kuntatti tiegħek fil-Kmamar li timmaniġġja, sakemm m’intix ċert li dawn il-kollegi jistgħu jipparteċipaw. Stedina każwali fil-Kmamar titqies bħala spam.
D. Ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta
X’tista’ tagħmel jekk tħoss li eTwinner mhux qed jirrispetta l-Kodiċi ta’ Kondotta? Fil-Komunità ta’ Appoġġ, aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nipproteġu lin-nies minn abbuż u spam fl-eTwinning, imma bħala komunità attiva u pluralistika, niddependu fuq l-għajnuna tiegħek biex inżommu l-attitudni pożittiva u nnaqqsu inċidenti mhux mixtieqa. Għalhekk, ninkoraġġukom lill-eTwinners jirrapportaw meta jkun meħtieġ.
Jekk tiltaqa’ ma’ pubblikazzjonijiet, avvenimenti jew kummenti f’Ġurnali u Forums, tirċievi messaġġ privat, jew tara kontenut li huwa offensiv, jikser id-drittijiet tal-awtur, jew li taħseb li mhux xieraq, tista’ tuża l-buttuna “irrapporta” – jekk disponibbli, inkella tista’ tikkuntattja lis-Servizz ta’ Appoġġ Tiegħek - u taqsam ir-raġunijiet għar-rappurtar tiegħek. Il-messaġġ tiegħek jiġi ttrattat mill-Organizzazzjonijiet t’Appoġġ.
X’jiġri jekk xi ħadd ma jkunx qed jirrispetta l-Kodiċi ta’ Kondotta? In-nuqqas ta’ konformità mar-regoli inklużi f’dan il-Kodiċi ta’ Kondotta jikkostitwixxi ksur tat-termini tiegħu u jista’ jirriżulta fit-tneħħija temporanja jew permanenti ta’ kwalunkwe posting jew materjal imtella’ mill-eTwinners, fi kwalunkwe ħin, mingħajr avviż minn qabel. F’dawn il-każijiet, l-awturi tal-materjali u l-Organizzazzjoni t’Appoġġ tagħhom jiġu infurmati u r-raġunijiet għat-tneħħija se jiġu pprovduti. Utenti li ma jikkonformawx mal-Kodiċi ta’ Kondotta jistgħu wkoll jiġu pprojbiti, temporanjament jew b’mod permanenti, mill-eTwinning.
F’każ ta’ kontroversji, deċiżjoni finali tittieħed mill-Kummissjoni Ewropea, li f’isimha jopera l-eTwinning.